Bil-vot tiegħek, il-bidla
Illum aħna eluf li għandna għatx għal politika mod ieħor. Alternattiva biss ... bil-preżenza tagħha fil-parlament tista tbiddel il-politika mill-qiegħ.
Hafna jistaqsuna x'jiġri meta naslu biex niffurmaw gvern ta' koalizzjoni, fuq liema punti bi ħsiebna nagħfsu l-iżjed? X'inhu dak li rridu niksbu l-ewwel għal min jagħtina l-vot? It-tweġiba tagħna ssibuha hawn. Dawn huma l-kwistjonijiet l-iżjed urġenti.
Bl-ebda mod ma rridu ninsew is-setturi l-oħra li huma ta' importanza kbira għalina. Kienu u jibqgħu: s-saħħa, l-edukazzjoni, l-politika barranija u s-sehem ta' Malta fl-Unjoni Ewropea, is-servizzi soċjali u l-pensjonijiet, ir-relazzjoniiet industrijali, is-sigurtá fuq il-post tax-xogħol, l-investiment barrani, s-sistema ta' taxxa, t-turiżmu, r-riċerka u t-teknoloġija avvanzata. Hemm biżibilju ta' setturi li tkellimna dwarhom u li dwarhom fissirna ruħhna fil-manifest tal-partit ta' ‘l fuq minn 400 proposta. Fissirna ukoll fehmitna b'mod dettaljat f'manifest elettorali għal Għawdex. Kull kelma li għedna tibqa' torbotna. Aktar dokumenti ta' politika u vizjoni issibhom hawn.
Dawn li slitna hawn mill-kitba u mill-ħidma tagħna fuq tmintax-il sena huma l-punti li rridu li jitwettqu mill-gvern li jintgħażel fl-2008 jekk ikun irid l-appoġġ tagħna. L-oħrajn jibqgħu l-miri tagħna, l-qafas li fih nħaddmu l-politika tagħna u tajjeb li jkun jafhom min irid jaħdem magħna biex ma jitħajjarx imur kontrihom u biex ikun avżat minn qabel x'inhuma l-miri li rridu nilħqu.
F'koalizzjoni Alternattiva Demokratika tiżgura li l-gvern, magħmul kif ikun magħmul, ma jimxix b'arroganza jew jonqos mir-rispett lejn iċ-ċittadin, tkun xi tkun il-fehma tiegħu. Irnexxielna kemm-il darba mingħajr ma konna fil-parlament. Fi gvern ta' koalizzjoni nkunu nistgħu niżguraw imġieba ħafna aħjar milli rajna s'issa. Biex naħdmu fih, il-gvern li jmiss għandu jħaddem politika ta' meritokrazija stretta. Jeħtieġ li mhux biss kulħadd jieħu li ħaqqu iżda li kulħadd ikun konvint li ma jsirux pjaċiri, li ħadd ma jibqa' lura għax m'għandux qaddisin. Il-kejl għandu jissejjes fuq il-ħila u l-ġustizzja u mhux fuq il-lealtá lejn xi partit.
Fi gvern ta' koalizzjoni Alternattiva Demokratika tiżgura li Malta tieħu u tagħti sehemha fl-Unjoni Ewropea. Il-gvern li naħdmu fih għandu jmur mill-kliem għall-fatti, f'kull m'għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-Maltin bħala ċittadini Ewropej. Nagħrfu li Malta għandha sehem għaliha x'tagħti biex jissaħħu l-istituzzjonijiet demokratiċi ta' l-Unjoni u biex tkun il-post fejn jiltaqgħu u jaħdmu flimkien il-pajjiżi membri mal-pajjiżi ġirien tagħna.
Aħna nistgħu nagħtu garanzija li ħadd ma jkun jista' jiknes taħt it-tapit kwistjonijiet ta' importanza nazzjonali. Aħna se nkunu rappreżentati fil-parlament li jmiss u għalhekk tajjeb li wieħed ikun jaf bil-quddiem dak li aħna bi ħsiebna niksbu għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Niżżel il-Proposti [PDF]
